gov.mt

pr261694

PR261694

12/10/2026

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Deħlin għal Budget li mhux se joqgħod lura milli jinvesti fl-oqsma l-aktar kruċjali, fosthom il-qasam soċjali, il-pensjonijiet u ż-żgħażagħ” – Il-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa mal-Forum Unions Maltin



Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Forum Unions Maltin (FUM), f’laqgħa ta’ konsultazzjoni bi tħejjija għall-Budget tas-sena d-dieħla.

Matul din il-laqgħa, il-Prim Ministru saħaq li l-Budget li ġej qed jitħejja f’kuntest fejn, minkejja l-isfidi dejjem jikbru fuq livell internazzjonali, pajjiżna qed ikompli jgawdi minn stabbiltà ekonomika u soċjali.

F’dan ir-rigward, huwa għamel referenza għar-rating mill-aġenzija tal-kreditu internazzjonali DBRS, li għal darb’oħra kkonfermat il-fiduċja tagħha fl-ekonomija Maltija bl-aqwa rating li qatt tat lil pajjiżna. Irrefera wkoll għall-aħħar ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), li juru li bejn Jannar u Awwissu ta’ din is-sena, Malta rreġistrat żieda fl-esportazzjoni meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena preċedenti.

Dr Abela sostna li s-suq tax-xogħol f’pajjiżna huwa wieħed b’saħħtu u tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli joħloq aktar opportunitajiet għall-iżvilupp tal-ħiliet, filwaqt li jsaħħaħ il-prospetti tal-istudenti u taż-żgħażagħ.

Il-Prim Ministru enfasizza li l-Budget li ġej mhux se joqgħod lura milli jinvesti fl-oqsma l-aktar kruċjali għas-soċjetà Maltija, fosthom il-qasam soċjali, il-pensjonijiet u ż-żgħażagħ. F’dan il-kuntest tenna wkoll l-impenn tal-Gvern li jkompli jsostni s-sussidji fil-prezzijiet tal-fjuwil u l-enerġija sabiex minkejja l-isfidi internazzjonali, il-familji u n-negozji Maltin jibqgħu protetti u l-ekonomija ta’ pajjiżna tibqa’ b’saħħitha.

Dr Abela tkellem ukoll dwar is-saħħa tal-qasam trejdunjonistiku f’pajjiżna, li qed ikompli jopera fi klima ta’ paċi industrijali u djalogu soċjali. Huwa nnota li l-ftehimiet kollettivi b’saħħithom, iffirmati fl-aħħar xhur u snin, qed ikomplu jwasslu għal kundizzjonijiet tax-xogħol dejjem aħjar għall-ħaddiema.

Il-Prim Ministru temm billi saħaq li dawn il-kisbiet huma possibbli bis-saħħa ta’ ekonomija soda, li qed tkompli toħloq il-ġid u toffri prospetti pożittivi għall-futur.

Għal din il-laqgħa, flimkien mal-Prim Ministru, kienu preżenti wkoll il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti u l-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Omar Farrugia.


​​​